Ir-rata ta’ persuni illiterati hija ta’ 11.2 fil-mija[1]. Din hija rata relattivament għolja meta tqabbilha ma’ dik tal-EU25 li hi ta’ 15.2 fil-mija[2]. Hija wkoll rata preokkupanti. Barra minn hekk, persuni li minħabba l-livell baxx ta’ litteriżmu tagħhom ikollhom iġarrbu l-esklużjoni soċjali u jsibuha bi tqila jsibu impjieg, jeħtiġilhom għajnuna aktar speċifika. Ta’ kull sena, l-imsieħba f’dan il-proġett jilħqu madwar 100 persuna li ma jkunux jafu jaqraw u jiktbu. Il-proġett jaħseb biex tingħata aktar attenzjoni bir-reqqa lill-ħtiġijiet ta’ dawn in-nies u hekk jintlaħqu aktar dawk li huma fost l-iktar dgħajfa u vulnerabbli.
Il-bżonn ta’ programm bħal ‘Iċ-Ċavetta’ jissemma f’diversi dokumenti importanti bħal: Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni favur l-Inklużjoni 2006-2008, Operational Programme II favur persuni għal impjiegi u kwalità ta’ ħajja aħjar u d-dokumenti ta’ qabel Budget. Taħt il-Programm ESF 2004-2006, l-ESF18 u ESF4 ipproduċejna manwali u materjal ieħor biex jgħinu fit-tagħlim tal-qari u l-kitba tal-adulti. Dan il-proġett tfassal bil-għan li jżid mal-valur tal-proġetti ta’ qablu u jikkomplimentahom. Iż-żewġ proġetti ta’ qabel jassumu li l-parteċipant diġà jaf jaqra u jikteb, filwaqt li dal-proġett huwa aktar bażiku u jibda mill-għarfien tal-ittri u l-ħsejjes (għarfien fonoloġiku) ta’ dawn l-ittri. Dan l-għarfien hu essenzjali għal dawk li jew ma jafu jaqraw xejn jew isibu diffikultà kbira biex jaqraw. Din l-għodda tindirizza l-bżonnijiet ta’ din il-faxxata’ nies fost il-gruppi vulnerabbli tass-soċjetà Maltija. Fl-iżvilupp ta’ din l-għodda, ingħatat importanza lil diversi fatturi li fil-proġetti ta’ qabel kienu tħallew fil-ġenb. It-teknika użata għandha aspett viżiv qawwi, b’mod li hu aktar faċli għall-istudent li jagħraf l-ittri u l-kliem. Il-kontenut u l-materjal kollu huwa ppreżentat b’mod speċifiku għal żewġ gruppi partikolari: l-adulti u ż-żgħażagħ. Dan il-prodott hu interattiv bit-teknoloġija tal-informatika, b’aspett awdjo ħalli jkun aktar aċċessibbli u intuwittiv. Se jkun aċċessibbli minn varjetà kbira platforms diġitali u kompjuters. L-użu tiegħu mhux biss hu faċli imma wkoll divertenti bil-ħsieb li jżomm lill-istudent tassew interessat. Fl-istess ħin għandu l-vantaġġ li jgħin lil min ikun qed jużah biex jitgħallem juża l-kompjuter bħala għodda ta’ tagħlim. Billi huwa għodda interattiva, il-prodott jgħin kemm lill-għalliem kif ukoll lill-istudenti b’mezzi ta’ tagħlim friski li jwasslu għall-progress b’pass imgħaġġel. Bl-użu ta’ materjal viżiv, l-għodda tgħin lill-istudenti adulti wkoll biex jitgħallmu jużaw il-kompjuter u jivvalorizzaw ix-xogħol. B’hekk ikunu qed jiġu indirizzati bżonnijiet aktar fundamentali li għandhom il-persuni li qed infittxu li ngħinu. Bis-saħħa ta’ ‘Iċ-Ċavetta’ dawn in-nies isiru aktar familjari mal-użu tal-kompjuter u anqas dipendenti fuq is-sistema tal-benefiċċji soċjali. Aktar minn hekk, l-impjieg isir realistikament aktar possibbli wara l-kors, għax il-programm jgħin lill-persuni li jagħmluh jintegraw aktar fis-soċjetà u jibnu relazzjonijiet ma’ sħabhom tal-kors stess u dawk li jiltaqgħu magħhom fuq ix-xogħol.
NB
1 National Action Plan against Poverty and Social Exclusion 2004-2006, Light Update Report 2005, pp. 7. Dan hu bbażat fuq il-popolazzjoni sħiħa li tinkludi il-gruppi akbar fl-età li qatt ma rċevew edukazzjoni obbligatorja meta kienu żgħar.
2 Ara informazzjoni tal-EU: Eurostat, 27 June 2006, extracted on 10 October 2006 as quoted in the OPERATIONAL PROGRAMME II